It-Tribunal tal-Bini u l-Kostruzzjoni – Appelli

Skont il-KAP 623 tal-Liġijiet ta’ Malta bit-titolu ATT DWAR IR-REGOLAMENT TAL-BINI, appell kontra kull deċiżjoni, ordni, jew direzzjoni maħruġa mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni jista’ jiġi sottomess lit-Tribunal tal-Bini u l-Kostruzzjoni permezz ta’ email fuq [email protected].

Dawn huma l-proċeduri biex applikant jagħmel appell quddiem it-Tribunal tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCT) taħt CAP 623, ATT DWAR REGOLAMENT TAL-BINI:

L-appell għandu jkun f’forma ta’ applikazzjoni u għandu jinkludi:
(a) referenza għad-deċiżjoni tal-Awtorità appellata minnha, u kopja tagħha;
(b) jiddikjara b’mod distint il-kapijiet tad-deċiżjoni li dwarhom ikun sar l-ilment taħt intestaturi differenti, flimkien mar-raġunijiet taħt kull intestatura li għaliha jkun sar l-appell;
(ċ) jiddikjara speċifikament il-mod li bih huwa mixtieq li d-deċiżjoni tiġi varjata taħt kull intestatura;
(d) jinkludi d-dokumentazzjoni kollha li hija rilevanti għall-aggravji tal-appell.

It-terminu biex jitressaq l-appell huwa ta’ għoxrin (20) jum mill-ħruġ tad-deċiżjoni, ordni jew direzzjoni maħruġa mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

Fis-sottomissjoni tal-appell, l-applikant għandu jsemmi x-xhieda li l-appellant ikun bi ħsiebu jipproduċi.

Id-deċiżjonijiet tat-Tribunal fir-rigward ta’ appelli sottomessi lilu kontra kull deċiżjoni, ordni jew direzzjoni maħruġa mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni jkunu finali ħlief fir-rigward ta’ punti ta’ liġi, li minnhom għandu jkun hemm id-dritt ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Appell (kompetenza Inferjuri). Appelli lill-Qorti tal-Appell (kompetenza Inferjuri) minn deċiżjonijiet ta’ appelli tat-Tribunal għandhom isiru permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru ta’ dik il-qorti, fi żmien għoxrin (20) jum mid-data li fiha dik id-deċiżjoni tkun ġiet ippubblikata skont il-liġi.